Fil-ġranet li ġejjin il-gvern ser jippubblika konsultazzjoni pubblika dwar standards ġodda għad-djar tal-anzjani u għal aktar minn 30 ċentru tal-anzjani madwar il-pajjiż. L-istandards se jittrattaw l-aspetti kollha tad-djar; l-ikel, is-servizz tal-carers sal-aspett mediku.
Is-Segretarju Parlamentari għall-Anzjanità Attiva, Malcolm Paul Agius Galea, qal lil TVMnews li dan il-proċess ser ikun implimentat flimkien ma’ aktar infurzar.
Il-konsultazzjoni pubblika ser tiġi ppubblikata mill-Awtorità tal-Istandards għall-Persuni Anzjani, OPSA.
Is-Segretarju Parlamentari fakkar il-ftuħ tad-djar tal-anzjani, żied jgħid li l-istandards ser jinkludu wkoll il-31 ċentru ta’ anzjanità attiva fil-pajjiż. “L-istandards ser jiffukaw fuq il-kwalità u s-servizzi tal-ikel fid-djar tal-anzjani, l-istandards ta’ djar partikolari u l-aspett tal-carer. Qed nipprovdu wkoll l-iskills pass lill-carers kollha sabiex dawn il-ħaddiema jkunu kkwalifikati kif meħtieġ.”
Is-Sur Agius Galea żied li hemm bżonn standards ċari dwar il-kwalità tas-servizzi mediċi li jingħataw fid-djar ta’ kura għall-anzjani u l-bżonn ta’ proċess li jsaħħaħ l-infurzar. ”Uffiċjali tal-infurzar ser iżuru d-djar tal-anzjani sabiex jassiguraw l-istandards. Jekk ikun il-bżonn, jingħata taħriġ lill-ħaddiema u jekk jibqgħu ma jsegwux l-istandards, jittieħdu passi u jingħataw il-multi”.
Waqt li rrefera għax-xogħol li għaddej, is-Segretarju Parlamentari semma l-għoti tat-tender għad-dar tal-anzjani ta’ Bormla filwaqt li t-tender wasal biex jingħalaq għad-dar tal-anzjani tal-Imsida. Proġetti oħra qed jiġu implimentati mis-settur privat, fejn uħud minnhom ser jiffukaw fuq realtajiet speċifiċi bħad-dimenzja.