Nhar il-Ġimgħa 18 ta’ Ottubru 2024, l-Awtorità tal-Istandards għall-Persuni Anzjani ġiet imnedija b’mod uffiċjali waqt business breakfast bit-tema “Nirregolaw biex nassiguraw il-benesseri u d-drittijiet tal-persuni anzjani” li għaqqdet numru ta’ bosta stakeholders mill-qasam tal-anzjanità attiva.
Is-Segretarju Parlamentari għall-Anzjanità Attiva, l-Onorevoli Malcolm Paul Agius Galea, ippreżenta lill-Awtorità li sservi bħala l-korp regolatorju għas-servizzi ġerjatriċi mogħtija fid-Djar Residenzjali, Ċentri ta’ Matul il-Jum u servizzi ġerjatriċi oħra.
Waqt din l-attività, tliet persuni anzjani, is-Sa Vella, is-Sur Baldacchino u s-Sur Mizzi, li jgħixu fi Djar Residenzjali differenti, ipparteċipaw f’Panel ta’ Diskussjoni “Il-Vuċi tal-Persuni Anzjani”. Huma taw ħarsa qasira tal-esperjenzi tagħhom ta’ kuljum bħala residenti fid-Djar ta’ Kura u spjegaw kif għadhom jagħmlu kull sforz sabiex jibqgħu attivi u jgawdu l-ħajja kemm jista’ jkun.
Il-Professur Richard Fleming, espert internazzjonali fil-qasam tad-dimenzja, kien mistieden sabiex jindirizza dan l-avveniment. Huwa bbaża d-diskors tiegħu fuq il-fatt li l-kwalità tal-ambjent mibni fejn jgħixu l-anzjani għandu effett kbir fuq il-kwalità tal-ħajja li jieħdu gost jgħixu l-persuni bid-dimenzja.
Is-CEO tal-OPSA, is-Sur George Fenech, irrimarka li l-Awtorità se tkun il-mezz ewlieni li jassigura li l-anzjani jirċievu l-kura u l-għajnuna li għandhom bżonn fid-Djar Residenzjali u fl-Komunità billi jkun hemm qafas regolatorju ċar u permezz ta’ spezzjonijiet regolari sabiex ikunu jistgħu jiġu identifikati minn kmieni sinjali ta’ abbuż u negliġenza u tittieħed azzjoni immedjata.
L-OPSA ser tkun responsabbli biex tistabilixxi, tħares u tinforza standards ta’ kwalità ogħla fis-servizzi ġerjatriċi pubbliċi u privati kollha f’Malta u Għawdex.



